Go to content

Political donations | Donazzjonijiet politiċi

On this page

Din l-informazzjoni ġiet tradotta f’lingwi oħra barra l-Ingliż biex tilħaq il-komunità fil-wisgħa f’NSW. Filwaqt li sar kull sforz biex jiġu pprovduti traduzzjonijiet preċiżi, l-ebda traduzzjoni mhi perfetta. It-test uffiċjali huwa l-verżjoni bl-Ingliż ta' din il-websajt. Kwalunkwe diskrepanzi jew differenzi li jsiru fit-traduzzjonijiet m'għandhom l-ebda effett legali għal skopijiet ta' konformità jew infurzar. Jekk jitqajmu xi mistoqsijiet relatati mal-eżattezza fl-informazzjoni tradotta, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni Ingliża tal-materjali. 

Donazzjonijiet politiċi 

Partiti politiċi, kandidati u individwi u organizzazzjonijiet oħra involuti fil-politika jew fl-elezzjonijiet jistgħu jitolbu donazzjonijiet jew forom oħra ta’ sapport, b’mod partikolari kif tkun qed toqrob l-elezzjoni. 

Donazzjoni politika hija rigal magħmul lil, jew għall-benefiċċju ta’, partit politiku, membru elett tal-Parlament ta’ NSW jew ta’ xi kunsill lokali fi NSW, kandidat jew grupp ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Istat ta’ NSW jew tal-gvern lokali, jew persuna li tuża d-donazzjoni biex tidħol f'nefqa elettorali jew li tagħmel donazzjoni politika lil persuna oħra.   Hemm limiti fuq l-ammont totali li partit politiku, kandidat jew parteċipant elettorali ieħor ikun jista' jaċċetta minn donatur politiku f'sena finanzjarja.  Dawn ‘il-limiti tad-donazzjonijiet’ huma aġġustati kull sena finanzjarja u huma ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW.

Meta jagħmel donazzjoni politika d-donatur jista' jintalab ismu u l-indirizz sabiex ir-riċevitur ikun jista' jikkonferma li d-donatur huwa legali u li d-donazzjoni tikkonforma mal-limiti tad-donazzjoni.

Tipi ta’ donazzjonijiet politiċi

Donazzjonijiet politiċi huma donazzjonijiet għal elezzjonijiet tal-Istat ta’ NSW jew tal-gvern lokali, jew membri eletti tal-Parlament ta’ NSW jew kunsilli lokali.

Eżempji ta' donazzjonijiet politiċi jinkludu:

  • rigali ta’ flus
  • rigali mhux ta’ flus
  • servizzi b’xejn jew bi skont
  • kontribuzzjoni, miżati għad-dħul jew ħlas ieħor biex tipparteċipa fi, jew tibbenefika minn, attività jew funzjoni ta’ ġbir ta’ fondi 
  • abbonamenti annwali jew oħrajn imħallsa lil partit politiku minn membru ta' partit, jew minn persuna jew entità għal skop ta’ affiljazzjoni mal-partit 
  • imgħax mhux mitlub fuq self.

Donazzjonijiet politiċi fi NSW ma jinkludux:

  • legati
  • rigal magħmul biss għall-iskop ta' elezzjoni federali jew membru tal-parlament federali, jew elezzjoni barra minn New South Wales, jew membru elett barra minn New South Wales.

Donazzjonijiet politiċi rapportabbli

Donazzjoni politika rapportabbli hija donazzjoni li hija stmata għal $1,000 jew aktar.  Dan jinkludi donazzjonijiet multipli magħmula mill-istess donatur lill-istess riċevitur f'sena finanzjarja li, b'kollox, huma stmati għal $1,000 jew aktar. 

Persuna li tagħmel donazzjoni politika rapportabbli tissejjaħ donatur politiku ewlieni. 

Meta donazzjoni politika rapportabbli tiġi milqugħa minn partit politiku, membru elett, kandidat, jew parteċipant elettorali ieħor, għandha tinħareġ irċevuta lid-donatur politiku ewlieni.  

Għal donazzjonijiet mhux monetarji, jrid jinħareġ rikonoxximent lid-donatur politiku ewlieni. 

Donazzjonijiet politiċi żgħar

Donazzjoni politika żgħira hija donazzjoni politika ta' inqas minn $1,000. 

Jekk isiru donazzjonijiet żgħar multipli lill-istess persuna f'sena finanzjarja jistgħu jsiru donazzjonijiet politiċi rapportabbli meta jingħaddu flimkien.  

Donaturi politiċi għandhom jieħdu ħsieb li jżommu rekords preċiżi sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk għamlux donazzjonijiet żgħar multipli li, jgħoddu għal $1,000 jew aktar.  

Min jista' jagħmel donazzjonijiet? 

Hemm regoli stretti fi NSW dwar min jista' jagħmel donazzjonijiet politiċi.  Donatur għandu jkun:

  • individwu rreġistrat biex jivvota f'elezzjonijiet federali jew fi New South Wales għal elezzjonijiet tal-Istat jew tal-gvern lokali, jew 
  • entità b'numru tan-Negozju Awstraljan (Australian Business Number) jew numru ieħor rikonoxxut mill-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission), jew 
  • individwu jew entità li ġiet approvata mill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW biex tagħmel donazzjonijiet politiċi. 

Ċerti korporazzjonijiet, individwi u l-assoċjati fil-qrib tagħhom, huma pprojbiti milli jagħmlu donazzjonijiet politiċi. 

  • żviluppaturi tal-propjetà 
  • entitajiet ta' negozju tal-industrija tat-tabakk 
  • entitajiet ta' negozju tal-industrija tax-xorb alkoħoliku u tal-logħob tal-azzard – inklużi klabbs involuti fi mħatri monetarji, betting, jew logħob tal-azzard ieħor 
  • assoċjati mill-qrib u organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija ta' donaturi pprojbiti. 

Donazzjonijiet politiċi illegali

Ċerti donazzjonijiet politiċi huma illegali. Jekk persuna tagħmel jew taċċetta donazzjoni politika li hija illegali, tista' tkun wettqet reat u tista' tiġi mħarrka mill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW f'qorti.  

Eżempji ta' donazzjonijiet politiċi illegali jinkludu: 

  • donazzjonijiet fil-forma ta' flus kontanti 'l fuq minn $100. Donazzjonijiet politiċi 'l fuq minn $100 għandhom isiru b'mod elettroniku jew b'ċekk 
  • donazzjonijiet politiċi anonimi rapportabbli
  • donazzjonijiet minn donaturi pprojbiti  
  • donazzjonijiet li jaqbżu l-limiti tad-donazzjoni.  

Żvelar ta' donazzjonijiet politiċi 

Persuna li tagħmel donazzjoni politika rapportabbli tissejjaħ donatur politiku ewlieni. Donaturi politiċi ewlenin għandhom jiżvelaw id-dettalji tad-donazzjonijiet politiċi li jagħmlu, lill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW. Donaturi politiċi ewlenin għandhom jiżvelaw id-donazzjonijiet politiċi rapportabbli wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja.   Partiti politiċi, membri eletti, kandidati, u parteċipanti elettorali oħra għandhom ukoll jiżvelaw id-donazzjonijiet politiċi li jagħmlu u li jirċievu. Żvelar minn donaturi politiċi ewlenin jgħin biex jikkonferma l-eżattezza ta' dak li jkunu żvelaw il-partiti politiċi, kandidati u oħrajn. 

Informazzjoni dwar kif tagħmel l-iżvelar issibu hawn

Il-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW tippubblika l-iżvelar kollu li sar, fuq il-websajt tagħha.  

Ġbir ta’ Fondi (Fundraisers), donazzjonijiet u r-regoli

Partiti politiċi, politikanti u kandidati li qed jikkontestaw għall-elezzjoni spiss jagħmlu avvenimenti biex jiġbru fondi għal partit tagħhom jew għal kampanji elettorali. Huwa importanti li tkun taf ir-regoli li japplikaw għal dawn l-avvenimenti.

Billi tħallas biex tattendi jew tipparteċipa f’avvenimenti bħal dawn, per eżempju, billi tixtri biljett jew xi oġġett ieħor bħala parti mill-ġbir ta’ fondi, l-ammont li tkun ħallast ikun donazzjoni politika. 

Jekk tħallas għal nies oħra biex jattendu miegħek, id-donazzjoni politika li qed tagħmel tkun tinkludi l-ammont li tħallas f’isimhom. 

Li tagħmel offerta rebbieħa f’irkant ta’ ġbir ta’ fondi jew li tixtri biljetti tal-lotterija waqt li tkun hemm, huwa wkoll eżempju komuni ta’ kif tagħmel donazzjoni politika f’avveniment ta’ ġbir ta’ fondi.

Hemm mnejn tkun teħtieġ tiżvela lill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW id-donazzjonijiet politiċi li tagħmel jekk jkunu donazzjonijiet rapportabbli.  

Ikkuntattjana

Jekk għandek xi mistoqsijiet, ikkuntattjana fuq 1300 022 011 jew bl-email fuq fdc@elections.nsw.gov.au. Jekk għandek bżonn interpretu, ċempel lil TIS National fuq 131 450 u staqsihom biex iċemplu lill-Kummissjoni Elettorali ta’ NSW fuq 1300 022 011

Vidjows

Għal ħarsa qasira lejn ir-regoli tad-donazzjoni politika, ara l-filmati hawn taħt.